Aqbeż għall-kontentut

Claudio Monteverdi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Claudio Monteverdi

Ritratt ta' Claudio Monteverdi, Venezja, 1640, pittura ta' Bernardo Strozzi
surmast tal-kappella

1613 - 29 Novembru 1643
surmast tal-kappella

1601 -
Ħajja
Twelid Cremona, 15 Mejju 1567
Nazzjonalità Repubblika ta' Venezja
Mewt Venezja, 29 Novembru 1643
Post tad-dfin Santa Maria Gloriosa dei Frari (en) Translate
Familja
Konjuga/i Ester Exposito (en) Translate
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Marc'Antonio Ingegneri (en) Translate
Studenti
uri
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni teoriku tal-mużika
daqqaq tal-viola da gamba
saċerdot Kattoliku
kompożitur tal-mużika klassika
kantant
kompożitur
kompożitur tal-opri
koreografu
mużikologu
Xogħlijiet importanti L'incoronazione di Poppea (en) Translate
L'Orfeo (en) Translate
Il ritorno d'Ulisse in patria (en) Translate
Il combattimento di Tancredi e Clorinda (en) Translate
Moviment mużika tar-Rinaxximent
mużika Barokka
Moviment artistiku opra
mużika Barokka
Strument/i tal-mużika viola da braccio
viola da gamba
orgni

Claudio Monteverdi (twieled fil-15 ta' Mejju 1567 – miet fid-29 ta' Novembru 1643) kien kompożitur Taljan. Ix-xogħol tiegħu jimmarka il-bidla mill-mużika rinaxximentali għall-mużika barokka u matul il-ħajja twila tiegħu kiteb opri li nistgħu nikklassifikawhom fiż-żewġ kategoriji. Bħala wieħed mill-innovaturi prinċipali li ġabu din l-bidla fl-istil, hu meqjus revoluzzjonarju. Monteverdi kiteb l-ewwel opra teatrali, L'Orfeo, li fiha żviluppa storja drammatika. Kellu x-xorti li jgawdi s-suċċess u l-fama f'ħajtu.

Fl-1589, Monteverdi beda jaħdem fil-qorti ta' Mantova bħala korista u vjolista u fl-1603 id-duka Vincenzo Gonzaga ħatru maestro di cappella. Sakemm kellu erbgħin sena ħadem prinċipalment fuq madrigali u kkompona b'kollox tmien kotba. Ktieb VIII, ippubblikat fl-1638, fih dawk li jsibuhom Madrigali guerrieri et amorosi li ħafna jqisuhom bħala l-perfezzjoni ta' dil-forma ta' mużika. Flimkien, l-ewwel tmien kotba ta' madrigali juru żvilupp enormi mill-mużika polifonika rinaxximentali għal l-istil monodiku li hu tipiku fil-mużika barokka. Id-disa' ktieb ta' madrigali, ippubblikat wara mewtu fl-1651, fih passaġġi iżjed ħfief, x'aktarx komposti matul il-firxa ta' ħajtu, li jirrappreżentaw iż-żewġ stili.

Paġna titulari ta' L'Orfeo, edizzjoni:1609 Venezja

Mill-monodija, bl-enfasi fuq linji ċari melodiċi, test intelliġibbli u mużika ta' akkompanjament kalma, kien pass loġiku li jibda jikkomponi l-opri, speċjalment għal kompożitur mixħut lejn id-drammatiċità u li kien iħobb effetti mimlija tiżjin. Fl-1607 Monteverdi ikkompona l-ewwel opra tiegħu, L'Orfeo, fuq librett ta' Alessandro Striggio (l-iben). F'dak iż-żmien kien hemm id-drawwa li l-kompożituri jitolbuhom joħolqu xogħlijiet għal okkażjonijiet speċjali u din l-opra talbuha biex iżżid il-pompa fil-karnival ta' kull sena f'Mantova. Fil-fatt kienet suċċess kbir li qabel perfettament ma' l-ispirtu taż-żmien. L'Orfeo hi magħrufa għall-qawwa drammatika tagħha u għall-orkestrazzjoni ħajja li fiha. Infatti, nistgħu nsostnu li dax-xogħol kien l-ewwel eżempju fejn il-kompożitur assenja parti speċifika għal kull strument, u anki waħda mill-ewwel opri fejn ingħatat il-kompożizzjoni eżatta ta' l-istrumentazzjoni. L-istorja hi deskritta b'immaġni mużikali ħajjin u l-melodiji huma linjari u ċari. B'din l-opra Monteverdi ħoloq stil mużikali ġdid għal kollox. L-opri ta' Monteverdi sirna ngħidulhom "pre-barokki" jew tal-"barokk bikri".

Nistgħu ngħidu li x-xogħol prinċipali ta' Monteverdi kien il-Vespro della Beata Vergine tal-1610. Dan wieħed mill-ftit xogħlijiet sagri tiegħu, imma għadu s'issa wieħed mill-ikbar eżempji tal-mużika sagra, li fl-istorja tal-mużika jħabbatha ma' Il-Messija ta' Handel u l-Passjoni skond Mattew ta' J. S. Bach. Meta tisma' dan ix-xogħol tibqa' ċċassat – kull parti (25 b'kollox) hija żviluppata għall-aħħar, kemm fis-sens mużikali u kemm drammatiku – l-istruttura strumentali tintuża għal effetti drammatiċi preċiżi u emottivi, b'mod li ħadd ma kien sema' qabel.

Bust ta' Claudio Monteverdi, Cremona

Billi d-duka Vincenzo Gonzaga ma kienx iħallsu biżżejjed għall-kummissjonijiet li kien jagħmillu u kien dejjem jgħaġġlu għal iżjed, Monteverdi xeba' u fl-1610 mar Ruma bil-ħsieb li jagħti l-Vespro della Beata Vergine lill-Papa Pawlu V. Fl-ittri bejnu u bejn il-kardinal Ferdinando Gonzaga, jidher li t-tama tiegħu kienet li jakkwista post b'xejn għat-tifel fis-Seminarju Ruman u mpieg ġdid għalih. Kollox safa fix-xejn, imma fl-1613 kellu opportunità oħra.

Fl-1613 il-Prokuraturi tar-Repubblika ta' Venezja ħatru l-Monteverdi bħala direttur tal-mużika f'San Mark, fejn bla dewmien, reġa' ġieb f'tiegħu l-kor li kien mar lura ħafna taħt ta' qablu. Hemm temm is-sitt, seba' u tmien ktieb ta' madrigali. It-tmien wieħed hu l-ikbar u fih xogħlijiet miktubin matul perijodu ta' 30 sena, fosthom ix-xena drammatika Tancredi e Clorinda (1624), fejn l-orkestra u l-vuċijiet jiffurmaw żewġ entitajiet separati li jinstemgħu bħala kopji ta' xulxin. Aktarx Monteverdi ġietu l-ideja li jipprova dan-arranġament mill-arkitettura ta' San Mark fejn hemm żewġ galleriji faċċata ta' xulxin u seta' jpoġġi l-kor f'waħda u l-orkestra fl-oħra. Kompożituri oħra bħal Giovanni Gabrieli kienu wżaw dan l-arranġament, imma din il-kompożizzjoni tispikka fuq l-oħrajn għax fiha ntużaw għall-ewwel darba it-'tremolo' (repetizzjoni mgħaġġla ta' l-istess ton) u l-'pizzicato' (qrus tal-kordi bis-saba') biex fix-xeni drammatiċi jagħtu effetti speċjali.

Fl-aħħar snin ta' ħajtu, minkejja li kien marid, Monteverdi xorta baqa' jkompli jikkomponi l-aħħar żewġ kapolavuri tiegħu, Il ritorno di Ulisse in patria (1641) u l-opra storika L'incoronazione di Poppea (1642). L'Incoronazione, partikularment, hi meqjusa bħala l-quċċata tax-xogħol tiegħu. Fiha nsibu xeni traġiċi u komiċi (żvilupp ġdid fl-opra), ritratti iżjed realistiċi tal-persunaġġi u melodiji iżjed sħan li bħalhom qatt ma kienu nstemgħu qabel. Dax-xogħol, li ħtieġ orkestra iżgħar u parti inqas prominenti għall-kor, kellu wkoll influenza konsiderevoli fuq il-mużika tal-knisja.

Monteverdi kkompona mill-inqas tmintax-il opra, li minnhom baqa' biss l'Orfeo, l'Incoronazione, Il ritorno, u l-arja famuża "Lamento", mit-tieni opra tiegħu l'Arianna.

Kompożizzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Opri - Tmintax-il opra li minnhom baqa' biss:

  • L'Arianna (baqa' biss Lamento d'Arianna)
  • L'Orfeo
  • Il ritorno d'Ulisse in patria
  • L'incoronazione di Poppea

Xogħoljiet oħra jinkludu kompożizzjonijiet sekulari u sagri:

  • Il Combattimento di Tancredi e Clorinda
  • Vespro della Beata Vergine
  • Selva Morale e Spirituale (1640)
  • Scherzi Musicali

Kotba tal-madrigali:

  • Madrigali spirituali a quattro voci posti in musica da Claudio Monteverde Cremonese, discepolo del Signor Marc'Antonio Ingegnieri (1583)
  • Madrigali a cinque voci di Claudio Monteverde Cremonese discepolo del Sig.r Marc'Antonio Ingegnieri... Libro primo (1587)
  • Il secondo libro de madrigali a cinque voci di Claudio Monteverde Cremonese discepolo del Sig.r Ingegneri (1590)
  • Di Claudio Monteverde il terzo libro de madrigali a cinque voci (1592)
  • Il quatro libro de madrigali a cinque voci di Claudio Monteverdi Maestro della Musica del Ser.mo Sig.r Duca di Mantova (1603)
  • Il quinto libro de madrigali a cinque voci di Claudio Monteverdi Maestro della Musica del Serenissimo Sig.r Duca di Mantoa, col basso continuo per il Clavicembano, Chittarone, od altro simile istromento; fatto particolarmente per li sei ultimi, per li altri a beneplacito (1605)
  • Il sesto libro de madrigali a cinque voci, con uno dialogo a sette, con il suo basso continuo per poterli concertare nel clavacembano, et altri stromenti. Di Claudio Monteverde Maestro di Cappella della Sereniss. Sig. di Venetia in S. Marco (1614)
  • Concerto. Settimo libro di madrigali a 1.2.3.4. sei voci, con altri generi de canti di Claudio Monteverde Maestro di Capella della Serenissima Republica (1619)
  • Madrigali guerrieri, et amorosi con alcuni opuscoli in genere rappresentativo, che saranno per brevi Episodij fra i canti senza gesto. Libro ottavo di Claudio Monteverde Maestro di Capella della Serenissima Republica di Venetia (1638)
  • Madrigali e canzonette a due e tre voci del signor Claudio Monteverde già Maestro di Cappella della Serenissima Republica di enetia... Libro nono (1651)