Aqbeż għall-kontentut

Filatelija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-filatelija hija l-istudju tal-bolol tat-taxxa jew tal-bolol postali. Din tinkludi l-iddisinjar, il-produzzjoni u l-użi tal-bolol wara li tingħata l-awtorizzazzjoni li jinħarġu, is-soltu mingħand uffiċjali tal-gvern bħall-awtoritajiet postali. Il-filatelija hija l-attività distinta fejn jiġu studjati l-bolol, li tista’ tinkludi l-kollezzjoni tal-bolol. Ngħidu aħna, xi filatelisti jistudjaw bolol estremament rari mingħajr ma jkollhom kopji għalihom stess, għaliex jiswew ħafna flus jew għaliex l-aħħar eżemplari jinsabu fil-mużewijiet. Min-naħa l-oħra, il-kollezzjoni tal-bolol fiha nfisha hija l-ksib ta’ bolol, xi drabi mingħajr kunsiderazzjoni għall-oriġini jew għall-użu tagħhom.

Sal-lum il-ġurnata, il-ħolqien tal-kelma “filatelija” fil-forma Franċiża tagħha hija storikament attribwita lil Georges Herpin fil-pubblikazzjoni Le Collectionneur de timbres-postes, Vol. 1, 15 ta’ Novembru, 1864. Hija mibnija mill-kelmiet Griegi philos (φίλος li tfisser “ħabib”), u ateleia (ἀτέλεια li tfisser “eżenti mid-dazji u t-taxxi”[1]) peress li l-bolol postali jindikaw li d-destinatarju ma għandux iħallas għas-servizz minħabba li dawn huma minnhom infushom mezz li jiffranka u li għaldaqstant jikkonfermaw li l-ħlasijiet postali jkunu saru minn qabel mingħand dak li jibgħat, jew mingħand ħaddieħor. It-termini alternattivi “timbrofilija” u “timbroloġija” huma ħafna inqas komuni.

L-oriġini tal-filatelija tinsab fl-osservazzjoni li f’munzell bolol li jidhru kollha tal-istess tip, eżaminazzjoni ta’ aktar reqqa turi li hemm tipi differenti ta’ karta, filigrani differenti fil-karta, varjazzjonijiet fl-ilwien tal-kuluri, perforazzjonijiet differenti, u tipi oħra ta’ differenzi. Mill-paragun mar-rekords tal-awtoritajiet postali jista’ joħroġ li l-varjazzjonijiet setgħu kienu intenzjonati, li imbagħad iwassal għal aktar stħarriġ dwar kif setgħu seħħew il-bidliet u għalfejn. Huwa interessanti wkoll li eluf ta’ falsifikazzjonijiet inħolqu matul is-snin, b’uħud minnhom tajbin ħafna, u għarfien komplet tal-filatelija biss jista’ jagħti xi tama li jiġu skoperti l-falsifikazzjonijiet.

Waħda mill-ispjegazzjonijiet għall-varjazzjoni kollha li teżisti hija li l-istampar tal-bolol kien fost it-tentattivi tal-bidu għall-produzzjoni bil-massa fuq skala kbira mill-awtoritajiet postali. Saħansitra fis-seklu 19, il-bolol kienu qegħdin joħorġu bil-biljuni, aktar minn kwalunkwe tip ieħor ta’ oġġett immanifatturat dak iż-żmien.

L-Oqsma tal-Filatelija

[immodifika | immodifika s-sors]
L-ewwel bolla ta' Malta inħarġet fl-1 ta' Diċembru 1860 mingħajr filigrana u turi l-profil tar-Reġina Vittorja.

Filatelija bażika, jew teknika, hija għaldaqstant l-istudju tal-aspetti tekniċi tal-produzzjoni tal-bolol u l-identifikazzjoni tagħhom. Din tinkludi l-istudju tal-:

  • Proċess inizzjali tal-iddisinjar tal-bolla
  • Karta (li tinkludi wkoll il-filigrana)
  • Metodi ta’ stampar (l-inċiżjoni, it-tipografija, eċċ.)
  • Gomma
  • Separazzjoni (eż. il-perforazzjoni)
  • Soprastampi fuq bolol diġà maħruġa
  • Falzitajiet u falsifikazzjonijiet filateliċi, b’mod speċjali l-identifikazzjoni tal-falsifikazzjonijiet.

L-Istrumenti tal-Filatelija

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn huma l-istrumenti meħtieġa fil-filatelija: il-lenti, il-pinzetta, l-odonometru, il-filigranoskopju, albums għall-konservazzjoni tal-bolol u l-katalgu.

  • Il-lenti sservi sabiex wieħed jara l-irqaqat tal-vinjetta u d-dentellatura bl-għan li jinduna, fejn ikun hemm, bl-imperfezzjonijiet eventwali jew bid-differenzi u s-sottotipi bejn, ngħidu aħna, żewġ bolol tal-istess ħarġa iżda wkoll bejn bolla ġenwina u oħra falza. L-evoluzzjoni tagħha hija l-kontafili, strument użat ukoll mill-ħaddiema tad-deheb, li jkabbar minn tal-anqas x4.
  • Il-pinzetta għandha l-għan waħdieni li tmiss il-bolla mingħajr ebda kuntatt mal-idejn, u allura mingħajr ma titħalla fuqha ebda tebgħa jew umdità. Infatti l-għaraq ta' mas-subgħajn huwa b'mod partikolari ta' ħsara għall-gomma. Bħala regola, wieħed għandu dejjem juża l-pinzetta meta jaħdem bil-bolol.
  • L-odonometru jservi sabiex ikejjel bi preċiżjoni d-dentellatura tal-bolol skont l-ispazju li jifred dent minn ieħor. L-għarfien preċiż tad-dentellatura jippermetti l-klassifikazzjoni korretta ta' kull bolla.
  • Il-filigranoskopju huwa friskatur żgħir iswed fejn meta l-bolla tixxarrab bil-qtar tal-petrol rettifikat jew bl-ilma distillat il-filigrana tista' tiġi tidher perfettament (din l-analiżi hija possibbli biss fuq il-bolol użati sabiex ma jsirx ħsara lill-gomma).
  • L-album huwa ktieb magħmul minn bosta paġni magħqudin f'daqqa sabiex il-bolol jinżammu f'kundizzjoni ottimali.
  • Il-katalgu huwa indispensabbli għaliex huwa referenza għall-klassifikazzjoni tal-bolol fuq bażi ta' min iddiżinja l-bolla, min stampaha u s-sena tal-ħruġ u l-varjetajiet. Barra minn hekk, jagħti wkoll indikazzjoni tal-valur ekonomiku.

Il-Karatteristiċi ta' Bolla ta' Kwalità Tajba

[immodifika | immodifika s-sors]
Eżempju ta' bolla tal-1886 miżmuma f'kundizzjoni tajba ħafna iżda fejn il-vinjetta mhix iċċentrata.

Il-kwalità hija parametru fundamentali sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta' bolla. Għall-bolol ġodda din hija bbażata fuq kemm il-gomma fuq il-wara tkun friska. Il-gomma sikwit tiddeterjora minħabba konservazzjoni ħażina f'ambjent umdu, fejn jinħolqu tebgħat ta' ossidazzjoni jew marki sofor kbar.

  • Id-denti għandhom ikunu kollha preżenti u tal-istess tul ħlief fil-każijiet ta' dawk il-bolol maħruġa mingħajr dentellatura li jridu jippreżentaw marġnijiet tajba.
  • Il-vinjetta għandha tkun iċċentrata tajjeb ħafna, jiġifieri għandu jkun hemm marġni ndaqs bejn l-erba' lati tal-vinjetta u d-dentellatura.
  • Il-karta m'għandhiex tkun irqiqa jew mibruxa.
  • Il-kulur għandu ikun ċar u ma jridx ikun bjad.
  • Il-gomma għandha tkun sħiħa u mingħajr tebgħat sofor.
  • Jekk il-bolla hija użata, it-timbru għandu jkollu d-data tinqara u ma jkunx oħxon wisq.

Il-Bolol Miksurin jew f'Kundizzjoni Ħażina Ħafna

[immodifika | immodifika s-sors]
L-ewwel bolla tad-dinja, il-Penny Black, inħarġet mir-Renju Unit fl-1840.

Ta' min jiċċara li fil-kollezzjoni personali tiegħu, wieħed jista' jdaħħal il-bolol kollha li jrid. Kull bolla hija fil-veru sens biċċa storja unika li ma tinġiebx lura, indipendentement mill-istat tal-konservazzjoni. Madanakollu ta' min jinnota li fil-filatelija (il-kummerċ, it-tpartit u l-espożizzjonijiet) il-bolol miksurin jew difettużi m'għandhom prattikament ebda valur ħlief f'xi każi eċċezzjonali bħall-bolol ta' rarità kbira fejn b'perċentwali baxxa ta' valur (5 - 10%) jistgħu jinbiegħu xorta.

  • Huma definiti bħala bolol miksurin:
    • Bolol li għandhom biċċiet neqsin
    • Bolol imqattgħin jew maqtugħin
    • Bolol imtaqqba
    • Bolol b'denti neqsin
    • Bolol mibruxin minn quddiem
    • Bolol b'karta irqiqa minn wara
  • Huma definiti bħala bolol fi stat ħażin ħafna ta' konservazzjoni:
    • Bolol b'karta ftit irqiqa minn wara
    • Bolol mitwija
    • Bolol b'denti qosra
    • Bolol irvinati bl-umdità
    • Bolol b'tebgħat sofor fuq il-gomma

Organizzazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Qoxra ta' katalgu antik Scott.

Skont il-Pajjiż

[immodifika | immodifika s-sors]

Mużewijiet Postali

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ Smith, Sir William, et al (Editors) A Dictionary of Greek and Roman Antiquities (John Murray, London 1891) Third Edition, Vol. 1, p. 166
  • Leon Norman Williams, Fundamentals of Philately (American Philatelic Society, 1990)
  • Richard McP. Cabeen, Standard Handbook of Stamp Collecting (Harper & Row, 1979)