Ideoloġija
Dan l-artiklu dwar il-politika huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Il-kelma ideoloġija wettqet l-introduzzjoni tagħha fil-lingwa Maltija permezz tal-influss ta' vokabolarju Taljan fl-istess lingwa. Di fatti però l-kelma ideoloġija mhix oriġinarjament Taljana iżda ġiet introdotta mill-filosofu Franċiż Antoine Destutt de Tracy (1754-1836) li uża l-kelma idéologie, li jerġa' hija komposta minn verżjoni Franċiża tal-Grieg idea u s-suffiss Grieg logia. B'hekk ikollna l-kelma effettivament Griega ideologia li hawnhekk hija miktuba bi skritt Latin.
Ġeneralment ideoloġija tirreferi għal sistema konċettwali ta' ideat, suppost internament koerenti, li jispjegaw fost l-oħrajn il-prinċipji u l-pedamenti fil-kuntest ta' ideat u jwasslu għall-miri definiti jekk applikati korrettament. L-ideoloġija, in teorija, tispeċifika l-miri u tispira l-mezzi. Tagħti wkoll limiti ta' azzjoni b'mod ġenerali u għal kwistjonijiet partikolari, u bażikament isservi biex tiggwida l-operat ta' min iħaddanha.
Spiss, ideoloġija u ideoloġija politika huma ikkunsidrati sinonimi, iżda anke jekk bħala drawwa meta ngħidu ideoloġija nassoċjawha direttament mal-politika, jista' ikun hemm ideoloġiji mhux politiċi u anke ideoloġiji li mhux komplessi.
L-ideoloġija hija għodda teoretika utli sabiex wieħed jagħraf jikklassifika ħsieb minn ieħor u speċjalment gruppi ta' ideat assoċjati ma' xulxin f'ideoloġija. Għaldaqstant, l-ideoloġija hija għodda klassifikatorja f'sens passiv iżda kapaċi tkun mezz ta' kif jittrawmu ideat ġodda u ideoloġiji ġodda.
Spiss min jgħid li jħaddan ideoloġija, ma jagħmilx dan b'mod ortodoss u puritan u dan joħloq kunflitti meta mhux biss wieħed iħaddan ideoloġija iżda meta jabbina magħha tikketta li kapaċi ma tapplikax għal ċertu ideat imħaddnin.
Ħafna wkoll iħaddnu ideoloġija u lanqas ikunu jafu biha għax ma jkunux ħasbu b'mod strutturali, xjentifiku u għaldaqstant klassifikatorju fil-konfront tal-ħsieb tagħhom.
L-ideoloġiji huma rifless u anke fonti tal-ħsieb ta' kull wieħed minnha, anke dawk li m'għandhomx jew ma jridux ideoloġija.