Peter Carl Fabergé
Peter Carl Fabergé | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | San Pietruburgu, 30 Mejju 1846 |
Nazzjonalità | Imperu Russu |
Mewt | Pully, 24 Settembru 1920 |
Post tad-dfin | Cimetière du Grand Jas |
Familja | |
Missier | Gustav Fabergé |
Omm | Charlotte Maria Fabergé |
Konjuga/i | Augusta Julia Fabergé (en) |
Ulied |
uri
|
Aħwa |
uri
|
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Saint Peter's School (en) Annenschule (en) |
Lingwi | Russu |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
ġojjellier inventur arġentier (tad-deheb) |
Post tax-xogħol | San Pietruburgu |
Xogħlijiet importanti | Faberge Egg |
Premjijiet |
Peter Carl Fabergé jew Karl Gustavovich Fabergé (bir-Russu: Петер Карл Густавович Фаберже, b'ittri Rumani: Peter Karl Gustavovich Faberzhe; twieled fit-30 ta' Mejju [skont sorsi oħra fit-18 ta' Mejju] 1846 – miet fl-24 ta' Settembru 1920) kien arġentier (tad-deheb) u ġojjellier Russu.[1] Huwa magħruf l-iktar għall-ħolqien tal-bajd ta' Fabergé bl-istil ta' bajd tal-Għid ġenwin, iżda bl-użu ta' metalli u ħaġar prezzjużi minflok materjali komuni. Huwa kien wieħed mill-ulied subien ta' Gustav Fabergé, il-fundatur tad-ditta tal-familja Fabergé.
Ħajja bikrija u edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Peter Carl Fabergé twieled fit-30 ta' Mejju [skont sorsi oħra fit-18 ta' Mejju] 1846 f'San Pietruburgu, ir-Russja, fil-familja tal-ġojjellier Baltiku-Ġermaniż ta' dixxendenza Huguenot, Gustav Fabergé, u ta' martu Charlotte Jungstedt, bint il-pittur Daniż Karl Jungstedt.[2] L-antenati min-naħa ta' missier Gustav Fabergé kienu Huguenot, oriġinarjament minn La Bouteille, Picardie, li ħarbu minn Franza wara r-revoka tal-Editt ta' Nantes, l-ewwel lejn il-Ġermanja qrib Berlin, u mbagħad fl-1800 lejn il-kontea ta' Pernau (illum Pärnu), il-Governorat tal-Livonja, li dak iż-żmien kienet parti mir-Russja, u issa tagħmel parti mill-Estonja.
Missieru rtira min-negozju tiegħu tal-ġojjellerija fl-1860 u mar jgħix flimkien mal-familja tiegħu f'Dresden, il-belt kapitali tas-Sassonja; huwa ħalla l-familja Fabergé f'San Pietruburgu f'idejn is-sieħeb tan-negozju tiegħu, Hiskias Pendin. Carl inkiteb fil-Handelsschule (skola tas-sengħa) ta' Dresden, post fejn l-ulied subien tal-merkanti Sassoni kienu jistudjaw l-affarijiet bażiċi tal-amministrazzjoni tan-negozju.[3] Fl-1862, Agathon Fabergé twieled f'Dresden, u mar l-iskola hemmhekk ukoll.[4]
Carl intbagħat lejn l-Ingilterra biex jitgħallem l-Ingliż u kompla bil-Vjaġġ Grandjuż tiegħu tal-Ewropa. Huwa ngħata t-taħriġ minn arġentiera rispettati fil-Ġermanja, fi Franza u fl-Ingilterra, attenda kors fil-Kulleġġ Kummerċjali ta' Schloss f'Pariġi, u ra l-oġġetti fil-galleriji tal-mużewijiet ewlenin tal-Ewropa. Huwa kien l-apprendist ukoll tal-ġojjellier Josef Friedman minn Frankfurt-am-Main, li kien rinomat ħafna għall-ġojjelli tiegħu fil-prinċipalitajiet Ġermaniżi.[5] Fabergé rritorna lejn San Pietruburgu fl-1864 u daħal jaħdem fid-ditta ta' missieru.[6] Għalkemm kellu 18-il sena biss, huwa kompla bl-edukazzjoni tiegħu taħt is-superviżjoni ta' Hiskias Pendin. Huwa żviluppa wkoll ħbiberiji ma' membri tad-direttorat tal-Mużew tal-Hermitage u beda jaħdem hemm bla ħlas fl-1867.
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Kap tan-negozju tal-familja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-20 ta' Novembru [skont sorsi oħra fit-8 ta' Novembru] 1872, huwa żżewweġ lil Augusta Julia Jacobs, bint l-artiġjan tal-għamara Gotlieb Jacobs. Fl-istess sena huwa ħa f'idejh id-ditta ta' missieru. L-ewwel wild tiegħu, Eugène Fabergé, twieldet fl-1874, u sentejn wara twieled Agathon Fabergé; Alessandru u Nikola Fabergé twieldu fl-1877 u fl-1884 rispettivament. Il-kumpanija kienet involuta wkoll bil-katalogar, bit-tiswija u bir-restawr tal-oġġetti fil-Mużew tal-Hermitage matul is-snin 70 tas-seklu 19. Fl-1881, in-negozju ġie ttrasferit lejn stabbilimenti ikbar fil-livell tat-triq f'Bolshaya Morskaya. Fabergé beda jagħmel xi bidliet ukoll biex jittrasforma d-ditta minn dak li ibnu Eugène sejjaħ "negozjant tal-ġojjellerija u tan-nuċċalijiet". Iż-żmien li qatta' fl-Ewropa kien ispirah biex jipproduċi oġġetti uniċi. Iktar 'il quddiem iddeskriva fi kliemu: "L-oġġetti għaljin ma tantx jinteressawni jekk il-valur huwa sempliċement mehmuż mal-bosta djamanti jew ġawhar".[3]
Sal-1881, Carl kien sar magħruf biżżejjed fost il-pari tiegħu, tant li nħatar bħala "mastru tat-Tieni Xirka", u b'hekk sar magħruf bħala merkant jew bejjiegħ bl-imnut iktar milli artiġjan. Dan kien ifisser ukoll li ma kellux jibgħat l-oġġetti tiegħu għall-ittestjar uffiċjali meta kien juża t-timbru tiegħu u dik tad-ditta tiegħu. Mal-mewt ta' Hiskias Pendin, Carl Fabergé ħa r-responsabbiltà waħdu għat-tmexxija tal-kumpanija u ġie rrikonoxxut formalment bħala l-kap tad-ditta. Dak iż-żmien, id-ditta kienet timpjega madwar 20 ruħ.
L-ewwel żvolta ewlenija tad-ditta seħħet fl-1882, meta Carl u Agathon Fabergé għamlu suċċess fil-Wirja Pan-Russa tal-Industrija u tal-Arti f'Moska. Carl ingħata medalja tad-deheb. Minħabba x-xogħol tiegħu fil-Hermitage, li kien jinkludi ġojjellerija Griega u Xitjana mis-seklu 4 li hu kien għen fir-restawr tagħha, Fabergé kien ġie mistieden biex jieħu sehem fil-wirja; Fabergé ngħata wkoll il-permess biex jikkopja u jinkorpora d-disinni ta' dawk l-oġġetti, u dan sar l-enfasi tal-oġġetti għall-wiri tiegħu. Ir-rivista Niva kitbet f'artiklu: "Is-Sur Fabergé jiftaħ era ġdida fl-arti tal-ġojjellerija... Il-Maestà Tagħha onorat lil Fabergé billi xtrat par pulzieri bi xbihat ta' wrieżaq, li skont it-twemmin Grieg tal-Qedem, iġibu xorti tajba". Għalkemm kiseb ir-rikonoxximent tal-familja imperjali, Fabergé kien wieħed biss mill-bosta ġojjelliera li kienu jaqdu l-qorti Russa; fil-kontijiet Imperjali għall-1883 jissemmew mill-inqas ħames ditti, u 6,400 rublu tħallsu lil Fabergé, li kien bil-bosta l-iżgħar ammont.
Il-produzzjoni ta' Fabergé tal-ewwel hekk imsejħa bajda ta' Fabergé, il-Bajda tat-Tiġieġa, mogħtija bħala rigal mill-imperatur lil martu Marija nhar l-Għid Ortodoss fl-24 ta' Marzu 1885, u tant għoġbitha li fl-1 ta' Mejju, Alessandru III sar patrun tad-ditta u taha t-titlu ta' Fornitur tal-Qorti Imperjali. Dan kien ifisser li Fabergé mbagħad kellu aċċess personali sħiħ għall-kollezzjoni importanti tal-Hermitage, fejn seta' jistudja u jsib l-ispirazzjoni għall-iżvilupp tal-ħajja personali unika tiegħu. Influwenzat mill-bukketti bil-ġojjelli maħluqa mill-arġentiera (tad-deheb) tas-seklu 18 Jean-Jacques Duval u Jérémie Pauzié, Fabergé rrivoluzzjona l-ideat tagħhom mill-ġdid flimkien mal-osservazzjonijiet bir-reqqa tiegħu u l-imħabba tiegħu għall-arti Ġappuniża.
Dan irriżulta f'rinaxximent tal-arti mitlufa tax-xogħol bl-iżmalt (bl-Ingliż: enamel) u f'enfasi fuq it-tqegħid ta' kull ħaġra prezzjuża unika f'oġġett li jwassal għall-aqwa apprezzament viżiv tiegħu. Tabilħaqq, ma kinitx l-ewwel darba li Agathon kien jagħmel għaxar mudelli jew iktar tax-xama' biex b'hekk jitqiesu l-possibbiltajiet kollha qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar id-disinn aħħari. Ftit wara li Agathon ingħaqad mad-ditta, id-ditta introduċiet objects deluxe: oġġetti tad-deheb bil-ġojjelli mżejna bl-iżmalt, li kienu jvarjaw minn qniepen elettriċi għal reċipjenti tas-sigaretti, inkluż objects de fantaisie.
Bajd tal-Għid
[immodifika | immodifika s-sors]Fid-dawl tar-rispons tal-imperatriċi malli rċeviet waħda mill-bajdiet ta' Fabergé fl-Għid, l-imperatur f'qasir żmien ikkummissjona l-kumpanija biex tipproduċi bajda tal-Għid bħala rigal għaliha kull sena. L-imperatur għamel ordni għal bajda oħra s-sena ta' wara. Mill-1887, l-imperatur milli jidher ta lil Carl Fabergé libertà sħiħa fir-rigward tad-disinni tal-bajdiet, li mbagħad kulma jmur saru dejjem iktar elaborati. Skont it-tradizzjoni tal-familja Fabergé, lanqas l-imperatur innifsu ma kien ikun jaf kif kienu se jkunu — l-unika stipulazzjoni kienet li kull waħda kellha tkun unika u kull waħda kellha jkollha sorpriża ġo fiha. Alessandru III ikkollabora ma' Fabergé fir-rigward ta' xi disinni.
Mal-mewt ta' Alessandru III, ibnu, l-imperatur ta' warajh, Nikola II, kompla din it-tradizzjoni u kabbarha billi talab li jiġu prodotti żewġ bajdiet kull sena, waħda għal ommu (li eventwalment ingħatat total ta' 30 bajda ta' Fabergé) u waħda għal martu, Alessandra (li rċeviet 20 bajda oħra). Din is-sensiela ta' bajdiet tal-Għid bħala rigali llum il-ġurnata huma distinti mill-bajdiet l-oħra ta' Fabergé prodotti permezz tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala Bajd tal-Għid Imperjali. It-tradizzjoni tkompliet sar-Rivoluzzjoni ta' Ottubru, meta d-dinastija Romanov kollha u l-bajdiet u bosta teżori oħra ġew ikkonfiskati mill-gvern temporanju. Iż-żewġ bajdiet finali qatt ma ngħataw u qatt ma tħallsu.
Għalkemm illum il-ġurnata d-ditta ta' Fabergé hija rinomata għall-Bajd tal-Għid Imperjali, ipproduċiet bosta oġġetti oħra li jvarjaw minn pożati tal-fidda għal ġojjellerija fina ta' kwalità u ta' sbuħija eċċezzjonali wkoll, u sat-tluq tagħha mir-Russja matul ir-rivoluzzjoni, il-kumpanija ta' Fabergé saret l-ikbar negozju tal-ġojjellerija fil-pajjiż. Il-fergħa ta' San Pietruburgu kienet magħmula minn diversi ħwienet tal-produzzjoni bir-responsabbiltà li jissorveljaw kull oġġett mid-disinn tiegħu sal-istadji kollha tal-manifattura. Il-fergħa ta' Moska kienet immexxija minn ċentru kummerċjali. Ġew stabbiliti fergħat oħra wkoll f'Odessa (1890), f'Londra (1903) u fi Kiev (1905). Total ta' madwar 500 ruħ ħadmu mad-ditta u pproduċiet mill-inqas 150,000 oġġett tal-ġojjellerija, tal-fidda u oġġetti oħra tal-fantażija, jew saħansitra sa 200,000 oġġett mill-1882 sal-1917.
Ix-xogħol ta' Fabergé rrappreżenta lir-Russja fil-Fiera Dinjija tal-1900 f'Pariġi. Peress li Carl Fabergé kien membru tal-ġurija, id-ditta ta' Fabergé kellha oġġetti għall-wiri hors concours (mingħajr ma ħadet sehem f'xi kompetizzjoni). Minkejja dan, id-ditta ngħatat medalja tad-deheb u l-ġojjelliera tal-belt onoraw lil Carl Fabergé bħala maître (mastru). Barra minn hekk, Franza tat lil Carl Fabergé wieħed mill-iżjed premjijiet Franċiżi prestiġjużi, u ħatritu kavallier tal-Leġjun tal-Unur. Tnejn mill-ulied subien ta' Carl u l-kap tal-ħaddiema tad-ditta tiegħu ngħataw unuri wkoll. Kummerċjalment, il-wirja kienet suċċess kbir u d-ditta kisbet bosta ordnijiet u klijenti.
Tmiem id-ditta tal-familja Fabergé
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li faqqgħet il-gwerra fl-1914, id-ditta ressqet proposti għall-produzzjoni ta' żmien il-gwerra u ngħatat rispons is-sena ta' wara, meta mbagħad il-produzzjoni bdiet fuq ordnijiet militari, xi ħaġa li kompliet sar-Rivoluzzjoni ta' Ottubru fl-1917. Fl-1916, id-ditta ta' Fabergé saret kumpanija b'ishma konġunti taħt l-isem C. Fabergé, b'kapital fiss ta' tliet miljun rublu.
Bħala riżultat tar-rivoluzzjoni, in-negozju tmexxa minn Kumitat ta' Impjegati, li ħadu ħsieb il-ġestjoni tad-ditta sal-1918, meta l-ħwienet tal-produzzjoni ngħalqu minn Fabergé, li mbagħad telaq mill-pajjiż wara li l-uffiċjali tal-gvern il-ġdid talbuh jagħlaq in-negozju. Jingħad li Fabergé staqsa għal għaxar minuti biex jiġbor l-affarijiet tiegħu qabel jitlaq. Il-maġġoranza l-kbira tal-ġojjelli nqerdu wara r-rivoluzzjoni.
Fabergé miet fil-lukanda Hotel Bellevue f'Lausanne, l-Iżvizzera, fl-24 ta' Settembru 1920. Huwa ħarab lejn ir-Russja f'Settembru 1918 taparsi kurrier mal-legazzjoni Brittanika. Il-familja tiegħu ħasbet li kien miet b'qalb maqsuma. Martu, Augusta, mietet fl-1925. It-tnejn tpoġġew ħdejn xulxin fl-1929 meta Eugène Fabergé ħa l-fdalijiet ta' missieru minn Lausanne u difinhom fil-qabar ta' ommu fiċ-Cimetière du Grand Jas f'Cannes, Franza.
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Henry Bainbridge, maniġer tal-fergħa ta' Londra tad-ditta tal-familja ta' Fabergé, irreġistra l-punti ewlenin tal-laqgħat tiegħu mal-impjegatur tiegħu fl-awtobijografija tiegħu, kif ukoll fil-ktieb li kiteb dwar Fabergé. L-awtobijografija tirreġistra wkoll il-memorji ta' François Birbaum, artiġjan ewlieni ta' Fabergé mill-1893 sa tmiem id-ditta tal-familja.
Familja
[immodifika | immodifika s-sors]Fabergé kellu ħames ulied subien ma' Augusta Julia Jacobs, u żżewġu fl-1872. Erba' mis-subien tiegħu baqgħu ħajjin sa ma saru adulti: Eugène (Evgeny; 1874–1960), Agathon (1876–1951), Alessandru (1877–1952) u Nikola (Nikolai) Leopold (1884–1939). Iben ieħor, Nikolai (1881–1883), miet meta kien għadu tarbija.
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Bainbridge jsostni li meta Fabergé ħa f'idejh id-ditta fl-1872, ma kellha "l-ebda importanza speċjali mehmuża magħha", għalkemm kienet negozju sod, iżda maż-żmien, huwa għolla l-arti tagħha għal livell ferm ogħla, bil-pedamenti tad-ditta li kienu jikkonsistu mis-sempliċità u mill-eleganza fid-disinn, meta Fabergé beda joħloq oġġett tal-fantażija apparti l-ġojjellerija.
Ġieħ
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-30 ta' Mejju 2012, Google ċċelebrat il-166 anniversarju tat-twelid ta' Peter Carl Fabergé b'doodle.
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Faber, Toby (2009). Faberge's Eggs: One Man's Masterpieces and the End of an Empire. Pan Macmillan. ISBN 978-0-330-44024-0.
- Fabergé, Tatiana; Proler, Lynekmkmtte G.; Skurlov, Valentin V. (1997). The Fabergé Imperial Easter Eggs. Londra. Christie's. ISBN 0-297-83565-3.
- Fabergé; Skurlov (1992). The History of the House of Fabergé according to the recollections of the senior master craftsman of the firm, Franz P. Birbaum. San Pietruburgu.
- Bainbridge, Henry Charles (1979). Peter Carl Fabergé – Goldsmith and Jeweller to the Russian Imperial Court – His Life and Work. Londra. Batsfords – edizzjonijiet oħra disponibbli wkoll bħal ta' New York, Crescent Books.
- Snowman, Kenneth (1964). The Art of Carl Fabergé. Londra. Faber & Faber. ISBN 0-571-05113-8.
- von Habsburg, Geza (1987). Fabergé. Ġinevra. Habsburg. Feldman Editions. ISBN 0-571-15384-4.
- von Solodkoff, Alexander (1984). Masterpieces from the House of Fabergé. New York. Harry N Abrams. ISBN 0-8109-0933-2.
- von Habsburg, Géza (2004). Fabergé Treasures of Imperial Russia. Link tat-Times Foundation. ISBN 5-9900284-1-5.
- Faber, Toby (2008). Faberge's Eggs: The Extraordinary Story of the Masterpieces That Outlived an Empire. New York. Random House. ISBN 978-1-4000-6550-9.
- Hill, Gerald (2007). Faberge and the Russian Master Goldsmiths. New York. Universe. ISBN 978-0-7893-9970-0.
- Snowman, Kenneth (1988). Carl Fabergé: Goldsmith to the Imperial Court of Russia. Random House. ISBN 0-517-40502-4.
- Lowes, Will; McCanless, Christel Ludewig (2001). Fabergé Eggs: A Retrospective Encyclopedia. Scarecrow Press. pp. 196–198. ISBN 978-0-8108-3946-5.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Campbell, Gordon (9 November 2006). The Grove Encyclopedia of Decorative Arts: Two-volume Set. Oxford University Press, l-Istati Uniti. pp. 362–363. ISBN 978-0-19-518948-3.
- ^ Habsburg, Dr Geza Von; Solodkoff, A. von (September 2000). Faberge: Imperial Craftsman and His World. Harry N. Abrams. p. 21. ISBN 978-1-86154-164-2.
- ^ a b Faber, Toby (2009). Faberge's Eggs: One Man's Masterpieces and the End of an Empire. Pan Macmillan. ISBN 978-0-330-44024-0. pp. 7-10.
- ^ "Mitten in Dresden. Zaren-Juweliere: Geheim-Grab der Fabergé-Familie entdeckt". bild.de (bil-Ġermaniż). 2014-05-04. Miġbur 2024-05-30.
- ^ Keefe, John Webster; Art, New Orleans Museum of (1993). Masterpieces of Fabergé: The Matilda Geddings Gray Foundation Collection. New Orleans Museum of Art. p. 11. ISBN 978-0-89494-041-5.
- ^ Lowes, Will; McCanless, Christel Ludewig (2001). Fabergé Eggs: A Retrospective Encyclopedia. Scarecrow Press. pp. 196–198. ISBN 978-0-8108-3946-5. p. 196.