Aqbeż għall-kontentut

Halloween

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Fl-Ingilterra u f’pajjiżi oħra, fil-lejl tal-31 ta’ Ottubru, tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Halloween jew kif inhi msejħa wkoll All Hallows’ Eve, jiġifieri lejlet il-Festa tal-Qaddisin kollha. Fi żmienna din il-festa hija okkażjoni biex it-tfal “request treats or threaten tricks” (jittallbu għall-ħelu, u jekk le jagħmlulek xi ċajta. Simbolu komuni ta’ Halloween hija l-jack-o'-lantern, qargħa ħamra mħaffra, b’forma ta’ wiċċ ikrah u b’xemgħa mwaħħla ġewwa.

Il-festa għandha oriġini Ċeltika. Fil-Gran Brittanja u l-Irlanda tal-qedem din il-festa kienet tfakkar it-tmiem tas-sajf u lejlet il-bidu ta’ sena ġdida. Kienu jinxtegħlu ħġejjeġ kbar fuq l-għoljiet biex ikeċċu l-ispirti ħżiena. Kienu jaħsbu li l-erwieħ tal-mejtin kienu jżuru djarhom mill-ġdid f’dan il-jum u għalhekk din il-festa ntrabtet ma’ iħirsa, sħaħar, qtates suwed, fairies, u kull xorta ta’ xjaten.

Dawk li emigraw lejn l-Istati Uniti, l-iktar Irlandiżi, daħħlu din il-festa hemmhekk ukoll u lejn tmiem is-seklu 19 saret popolari ħafna. Is-subien u l-ġuvintur kienu jaqilbu l-għerejjex u t-tined, ikissru l-ħġieġ tat-twieqi u jagħmlu ħsara fi propjeta. Iżda biż-żmien il-festa saret waħda tat-tfal żgħar u ma baqgħetx issir il-ħsara li kienet issir qabel.

Mill-1965, il-UNICEF, ippruvat iddaħħal drawwa ġdida fil-Halloween, dik li jsir ġbir ta’ flus għall-United Nations Children's Fund.

Ir-Reliġjon Kattolika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kardinal Carlo Maria Martini kien qal, “dawn it-tip ta’ festi ma jagħmlux parti mit-tradizzjoni tagħna, li għandha valuri kbar ħafna li jridu jgħaddu lil ta’ warajna: il-qima lejn il-mejtin tagħmel parti mill-istorja tagħna. Inżuru l-oqbra, inżejnuhom bil-fjuri, nitolbu għall-mejtin, u hekk nifhmu li l-ħajja tal-bniedem mhijiex biss f’din l-art.”

Fl-2005, il-Kummissjoni Djoċesana Okkult u Sataniżmu tal-Knisja f'Malta kienet ħarġet din l-istqarrija:

 Il-Kummissjoni Djoċesana ntalbet tagħti l-parir tagħha minn diversi ġenituri u Youth Centres dwar jekk iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Halloween hijiex kompatibbli jew le ma’ min jixtieq jieħu bis-serjetà l-impenn tas-sejħa nisranija tiegħu. Filwaqt li l-Kummissjoni tagħraf li spiss hemm persuni żgħar u kbar li jiċċelebraw b’mod newtrali din il-festa biss biex ikollhom okkażjoni biex jorganizzaw ċelebrazzjoni jew party b’differenza li tkisser ir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum, din l-istess Kummissjoni tinnota li:

  • Il-festa hekk imsejħa ta’ ‘Halloween’ hija ta’ oriġini pagana u ssib l-għeruq tagħha fi twemmin mhux imdawwal mill-misteru ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu fdiena u joffrilna ħajja ġdida, issa u anke wara li ngħaddu mill-passaġġ tal-mewt. Anke jekk hemm min iżomm li din hija biss ċelebrazzjoni antika tal-bidu tax-xitwa, ma’ din il-festa ntrabtu diversi tradizzjonijiet superstizzjużi u tradizzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu aktar mad-dinja tal-ispiritiżmu u l-okkult fis-sens l-aktar wiesa’ tiegħu. Tradizzjonijiet li fil-fatt ma jaqblux ma’ dak li n-nisrani jemmen fid-dawl ta’ Ġesù Kristu.
  • Għal din ir-raġuni, għal min jixtieq jieħu bis-serjetà s-sejħa nisranija tiegħu, il-Kummissjoni jidhrilha li ma jixraqx li gruppi kattoliċi jiċċelebraw din il-festa. Anke jekk dan jagħmluh b’mod superfiċjali u mingħajr l-ebda intenzjoni ħażina, xorta waħda l-istess ċelebrazzjoni ssir sinjal ta’ ftuħ lejn kultura neo-pagana u tlaqqim fil-kultura tal-okkult, komuni ħafna fi żminijietna.
  • Ikun aktar jixraq li wieħed jifhem għaliex din iċ-ċelebrazzjoni mhijiex kompattibbli mat-twemmin nisrani u jivvaluta mill-ġdid il-wirt nisrani li fih tfakkarna kontinwament il-Knisja. Fl-1 ta’ Novembru in-nisrani huwa msejjaħ jiċċelebra l-festa tal-Qaddisin kollha, dawk li l-Papa Benedittu XVI, liż-żgħażagħ miġbura f’Cologne, sejħilhom “ir-rivoluzzjonarji veri tas-soċjetajiet tagħna”. L-għada, imbagħad, issir it-Tifkira tal-Fidili Mejtin kollha: permezz ta’ Kristu nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna u aħna stess nirċievu l-ġid li jwassal it-talb tagħhom għalina. Żewġ tifkiriet li jfakkruna fl-għaqda tal-Knijsa tal-art ma’ dik tas-sema.

Ikun sabiħ jekk l-okkażjoni ta’ dawn il-jumejn tagħti lok biex wieħed jiċċelebra l-fidi tiegħu, u fuq l-eżempji tal-qaddisin, jifhem li għan-nisrani, il-ferħ veru jinsab f’relazzjoni ta’ ħbiberija vera u ħajja ma’ Kristu Gesù, il-Feddej tal-bniedem.