Ravenna
Ravenna | |||
---|---|---|---|
Italja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Italja | ||
Region of Italy | Emilia-Romagna | ||
Provinċja tal-Italja | Province of Ravenna (en) | ||
Kap tal-Gvern | Michele De Pascale (en) | ||
Isem uffiċjali | Ravenna | ||
Ismijiet oriġinali | Ravenna | ||
Kodiċi postali |
48121–48125 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 44°24′58″N 12°12′06″E / 44.4161°N 12.2017°EKoordinati: 44°24′58″N 12°12′06″E / 44.4161°N 12.2017°E | ||
Superfiċjenti | 653.82 kilometru kwadru | ||
Għoli | 4 m | ||
Fruntieri ma' | Argenta (en) , Bagnacavallo (en) , Bertinoro (en) , Cervia (en) , Cesena (en) , Comacchio (en) , Forlì (en) , Russi (en) , Alfonsine (en) u Province of Forlì-Cesena (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 155,751 abitanti (1 Jannar 2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
0544 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Speyer (en) , Posadas (en) , Chartres, Chichester (en) u Dubrovnik | ||
comune.ravenna.it |
Ravenna (pronunzjata: [raˈvenna] jew lokalment [raˈvɛnna]; bir-Romanjol: Ravèna) hija l-belt kapitali tal-Provinċja ta' Ravenna, fir-reġjun ta' Emilia-Romagna fit-Tramuntana tal-Italja. Kienet il-belt kapitali tal-Imperu Ruman tal-Punent mill-402 sal-waqgħa tal-imperu fl-476. Imbagħad kienet il-kapitali tar-Renju Ostrogotiku sa ma nħakmet mill-ġdid fil-540 mill-Imperu Biżantin. Wara dan iż-żmien, il-belt saret iċ-ċentru tal-Eżarkat Biżantin ta' Ravenna sal-qtil tal-aħħar eżark mil-Longobardi fis-751. Għalkemm hija belt 'il ġewwa mill-baħar, Ravenna hija kkollegata mal-Baħar Adrijatiku permezz tal-Kanal ta' Candiano. Il-belt hija magħrufa għall-arkitettura ppreservata sew tal-aħħar tal-Imperu Ruman u tal-Imperu Biżantin, bi tmien binjiet li jikkostitwixxu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Monumenti Kristjani Bikrin ta' Ravenna".[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-oriġini tal-isem Ravenna mhuwiex ċert. Uħud jispekulaw li "Ravenna" hija relatata ma' "Rasenna" (jew "Rasna"), li huwa t-terminu li l-Etruski kienu jużaw għalihom infushom, iżda qatt ma ntlaħaq qbil dwar dan fost l-istudjużi.[2]
Era tal-qedem
[immodifika | immodifika s-sors]L-oriġini tal-belt ta' Ravenna mhumiex ċerti lanqas. Madankollu, l-eqdem evidenza arkeoloġika li nstabet tippermettilna niddataw il-preżenza tal-Umbri f'Ravenna minn tal-inqas mis-seklu 5 Q.K., fejn baqgħu għall-kwiet sas-seklu 3 Q.K., meta bdew isiru l-ewwel kuntatti maċ-ċivilizzazzjoni Rumana. It-territorju tal-belt ġie insedjat ukoll mis-Senoni, speċjalment fil-kampanja fin-Nofsinhar tal-belt (li ma kinitx parti mil-laguna), jiġifieri l-Ager Decimanus. Ravenna kienet tikkonsisti minn djar mibnija fuq puntali fuq sensiela ta' gżejjer żgħar f'laguna mtajna – sitwazzjoni simili għal dik ta' Venezja diversi sekli wara. Ir-Rumani injorawha matul il-ħakma tagħhom tad-delta tax-xmara Po, iżda iktar 'il quddiem aċċettawha fir-Repubblika Rumana bħala raħal federat fid-89 Q.K.[2]
Fl-49 Q.K., Ravenna kienet il-post fejn Ġulju Ċesri ġabar il-forzi tiegħu flimkien qabel il-qsim tax-xmara Rubicone. Iktar 'il quddiem Ottavjanu, wara l-battalja tiegħu kontra Marku Antonju fil-31 Q.K., stabbilixxa l-port militari ta' Classis. Dan il-port, protett fil-bidu bis-swar tiegħu stess, kien stazzjon importanti tal-Flotta Imperjali Rumana. Illum il-ġurnata l-belt hija interkjuża, iżda Ravenna baqgħet port marittimu importanti fuq l-Adrijatiku sal-bidu tal-Medjuevu. Matul il-kampanji militari Ġermaniċi, Thusnelda, l-armla ta' Arminius, u Marbod, ir-Re tal-Marcomanni, kienu ġew ikkonfinati f'Ravenna.[3]
Ravenna gawdiet mill-prosperità taħt it-tmexxija Rumana. L-Imperatur Trajanu bena akkwedott twil 70 kilometru fil-bidu tas-seklu 2 W.K. Matul il-Gwerer tal-Marcomanni, l-insedjaturi Ġermaniċi f'Ravenna rvellaw u rnexxielhom jaħtfu l-belt. Għal din ir-raġuni, Marku Awrelju ddeċieda mhux biss kontra l-wasla ta' iktar Barbari fl-Italja, iżda saħansitra keċċa lil dawk li kienu nġabu hemmhekk qabel. Fl-402 W.K., l-Imperatur Onorju ttrasferixxa l-belt kapitali tal-Imperu Ruman tal-Punent minn Milan għal Ravenna. Dak iż-żmien, il-belt kellha popolazzjoni ta' 50,000 ruħ. It-trasferiment sar parzjalment għal skopijiet difensivi: Ravenna kienet imdawra b'imraġ u b'artijiet bassasa, u kienet meqjusa bħala belt li faċli tiddefendiha (għalkemm fil-fatt il-belt inħakmet mill-forzi tal-għadu diversi drabi fl-istorja tagħha); x'aktarx ukoll li t-trasferiment tal-belt kapitali għal Ravenna kien minħabba l-port tal-belt u l-kollegamenti tajbin bil-baħar mal-Imperu Ruman tal-Lvant. Madankollu, fl-409, ir-Re Alariku I tal-Viżigoti sempliċement qabeż lil Ravenna, u baqa' sejjer jattakka lil Ruma fl-410 u ħa lil Galla Placidia, bint l-Imperatur Teodożju I, bħala ostaġġ.[2]
Wara bosta ħwejjeġ, Galla Placidia reġgħet lura Ravenna ma' binha, l-Imperatur Valentinjanu III, bis-saħħa tal-appoġġ tan-neputi tagħha Teodożju II. Ravenna gawdiet perjodu ta' paċi u matulu r-reliġjon Kristjana ġiet iffavorita mill-qorti imperjali. Dan wassal biex il-belt kisbet uħud mill-iżjed monumenti famużi tagħha, inkluż il-Battisterju Ortodoss, il-Mawżolew ta' Galla Placidia (li fil-fatt mhux mawżolew u effettivament Galla Placidia qatt ma ndifnet hemmhekk), u l-binja ddedikata lil San Ġwann Evanġelista.[2]
Renju Ostrogotiku
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tas-seklu 5 W.K. seħħ ix-xoljiment tal-awtorità Rumana fil-Punent, u l-aħħar persuna li kellha t-titlu ta' imperatur fil-Punent tneħħiet mill-poter fl-476 mill-Ġeneral Odoacer. Odoacer mexxa bħala r-Re tal-Italja għal 13-il sena, iżda fl-489 l-Imperatur tal-Lvant Zeno bagħat lir-Re tal-Ostrogoti Teodoriku l-Kbir biex jerġa' jaħtaf il-peniżola Taljana. Wara li tilef il-Battalja ta' Verona, Odoacer irtira lejn Ravenna, fejn irreżista għal assedju li dam tliet snin min-naħa ta' Teodoriku, sa meta l-ħakma ta' Rimini ċaħdet lil Ravenna mill-provvisti. Teodoriku ħakem lil Ravenna fl-493, u jingħad li huwa stess qatel lil Odoacer. B'hekk Ravenna saret il-belt kapitali tar-Renju Ostrogotiku tal-Italja. Teodoriku, kompla fil-passi tal-predeċessuri imperjali tiegħu, u bena wkoll bosta binjiet mill-isbaħ f'Ravenna u qrib il-belt, inkluż il-knisja-palazz tiegħu ta' Sant'Apollinare Nuovo, katidral Arjan (issa tal-Ispirtu s-Santu) u l-Battisterju, kif ukoll il-Mawżolew tiegħu stess ftit 'il barra mis-swar tal-belt.
Kemm Odoacer kif ukoll Teodoriku u s-segwaċi tagħhom kienu Kristjani Arjani, iżda dawn baqgħu jgħixu flimkien b'mod paċifiku mal-Latini, li fil-biċċa l-kbira kienu Kattoliċi Ortodossi. L-isqfijiet Ortodossi ta' Ravenna wettqu diversi proġetti ta' binjiet notevoli, għalkemm l-unika binja li għadha eżistenti hija dik tal-Kappella tal-Arċisqof. Teodoriku ppermetta li ċ-ċittadini Rumani fi ħdan ir-renju tiegħu jkunu soġġetti għal-liġi Rumana u għas-sistema ġudizzjarja Rumana. Il-Goti, sadanittant, għexu skont il-liġijiet u d-drawwiet tagħhom stess. Fil-519, meta rvell wassal biex is-sinagogi ta' Ravenna jingħataw in-nar, Teodoriku ordna li jerġgħu jinbnew għas-spejjeż tal-belt.
Teodoriku miet fil-526 u minfloku laħaq in-neputi żgħir tiegħu Atalarika taħt l-awtorità ta' bintu Amalasunta, iżda sal-535 it-tnejn li huma mietu u l-arblu tar-razza ta' Teodoriku kien irrappreżentat biss minn bint Amalasunta, Matasunta. Diversi mexxejja militari Ostrogoti ħadu f'idejhom ir-Renju tal-Italja, iżda l-ebda wieħed minnhom ma kellu s-suċċess li kellu Teodoriku. Sadanittant, l-Imperatur Biżantin Kristjan Ortodoss, Ġustinjanu I, oppona kemm it-tmexxija Ostrogota kif ukoll il-varjetà Arjana tal-Kristjaneżmu. Fil-535, il-ġeneral tiegħu, Belisarju, invada l-Italja u fil-540 ħakem lil Ravenna. Wara l-ħakma tal-Italja li tlestiet fil-554, Ravenna saret is-sede tal-gvern Biżantin fl-Italja.
Mill-540 sas-600, l-isqfijiet ta' Ravenna wettqu programm ta' binjiet u knejjes notevoli f'Ravenna u qrib il-belt portwali ta' Classe. Fost il-monumenti li għadhom eżistenti hemm il-Bażilika ta' San Vitale u l-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe, kif ukoll parti mill-binja ta' San Michele in Africisco.[2]
Eżarkat ta' Ravenna
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-konkwisti ta' Belisarju f'isem l-Imperatur Ruman tal-Lvant Ġustinjanu I fis-seklu 6 W.K., Ravenna saret is-sede tal-gvernatur Biżantin tal-Italja, magħruf bħala l-Eżarka, u saret magħrufa bħala l-Eżarkat ta' Ravenna. Kien għall-ħabta ta' dan iż-żmien li nkitbet il-Kożmografija ta' Ravenna.
Taħt it-tmexxija Biżantina, fis-666, l-arċisqof tal-Arċidjoċesi ta' Ravenna temporanjament ingħata awtoċefalija mill-Knisja Rumana min-naħa tal-imperatur, iżda din malajr ġie revokata. Minkejja dan, l-arċisqof ta' Ravenna kien meqjus fit-tieni post fl-Italja wara l-Papa, u kellu rwol importanti x'jaqdi f'bosta kontroversji teoloġiċi li nqalgħu matul dan il-perjodu.[2]
Medju Evu u Rinaxximent
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Longobardi, taħt ir-Re Liutprand, okkupaw il-belt ta' Ravenna fis-712, iżda kellhom jirritornawha lill-Biżantini.[4] Madankollu, fis-751, ir-Re tal-Longobardi, Aistulf, irnexxielu jaħkem lil Ravenna, u b'hekk temm it-tmexxija Biżantina fit-Tramuntana tal-Italja.
Ir-Re Pepin tal-Franki attakka lil-Longobardi skont l-ordnijiet tal-Papa Stiefnu II. Ravenna mbagħad bil-mod il-mod ġiet taħt l-awtorità diretta tal-Papiet, għalkemm dan ġie kkontestat mill-arċisqfijiet diversi drabi. Il-Papa Adrijanu I awtorizza lil Karlu Manju jieħu kull ma xtaq minn Ravenna, u b'hekk kwantità mhux magħrufa ta' kolonni, mużajk, statwi u oġġetti Rumani portabbli oħra ttieħdu lejn it-Tramuntana sabiex jarrikkixxu l-belt kapitali tiegħu ta' Aachen.
Fl-1198, Ravenna mexxiet lega ta' bliet tar-Romagna kontra l-imperatur, u l-Papa rnexxielu jirreżisti. Wara l-gwerra tal-1218, il-familja Traversari setgħet timponi t-tmexxija tagħha fuq il-belt, li damet sal-1240. Wara perjodu qasir taħt it-tmexxija ta' vikarju imperjali, Ravenna ġiet irritornata lill-Istati Papali fl-1248 u mill-ġdid lill-familja Traversari sakemm, fl-1275, il-familja Da Polenta stabbiliet is-sinjorija dejjiema tagħha. Wieħed mir-residenti l-iktar illustri ta' Ravenna dak iż-żmien kien il-poeta eżiljat Dante. L-aħħar wieħed mill-familja Da Polenta, Ostasju III, tilef il-poter fi Frar 1441 bis-saħħa tar-Repubblika ta' Venezja, u l-belt ġiet annessa mat-territorji Venezjani permezz tat-Trattat ta' Cremona.
Ravenna kienet immexxija minn Venezja sal-1509, meta ż-żona tal-madwar ġarrbet invażjoni matul il-Gwerer Taljani. Fl-1512, matul il-gwerer tal-Lega Mqaddsa, ir-rikkezzi ta' Ravenna ġew misruqa mill-Franċiżi wara l-Battalja ta' Ravenna. Ravenna kienet magħrufa wkoll matul ir-Rinaxximent bħala l-post fejn twieled il-Mostru ta' Ravenna.
Wara li l-forzi ta' Venezja rtiraw, Ravenna reġgħet ġiet immexxija minn legati tal-Papa bħala parti mill-Istati Papali. Il-belt ġarrbet ħsarat estensivi minħabba għargħar f'Mejju 1636. Matul it-300 sena ta' wara, network ta' kanali bidlu l-fluss tax-xmajjar fil-qrib u dan wassal għad-drenaġġ tal-artijiet imtajna tal-madwar. B'hekk tnaqqset il-possibbiltà ta' għargħar u twittiet it-triq għal raba' agrikolu għammiel madwar il-belt.
Era moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Apparti okkupazzjoni qasira oħra minn Venezja (1527–1529), Ravenna kienet parti mill-Istati Papali sal-1796, meta ġiet annessa mal-istat pupazz Franċiż tar-Repubblika Ċisalpina (ir-Repubblika Taljana mill-1802 u r-Renju tal-Italja mill-1805). Ġiet irritornata lill-Istati Papali fl-1814. Bl-okkupazzjoni min-naħa tat-truppi ta' Piemonte fl-1859, Ravenna u ż-żona tal-madwar fir-Romagna saru parti mir-Renju unifikat il-ġdid tal-Italja fl-1861.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, it-truppi tal-Gwardji tar-Raba' Dragun tal-Prinċipessa Louise u tal-Ħames Diviżjoni Armata Kanadiża, flimkien mas-27 Lanċiera Brittaniċi, daħlu u lliberaw lil Ravenna fil-5 ta' Diċembru 1944. Total ta' 937 suldat tal-Commonwealth li mietu fix-xitwa tal-1944-1945 ġew midfuna fiċ-Ċimiterju tal-Gwerra ta' Ravenna, fosthom 438 Kanadiż.[5] Il-belt ma tantx ġarrbet ħsarat estensivi matul il-gwerra.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Tmien monumenti Kristjani bikrin ġew imniżżla bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1] Dawn huma:
- il-Battisterju Ortodoss magħruf ukoll bħala l-Battisterju ta' Neon (għall-ħabta tal-430)
- il-Mawżolew ta' Galla Placidia (għall-ħabta tal-430)
- il-Battisterju Arjan (għall-ħabta tal-500)
- il-Kappella tal-Arċisqof (għall-ħabta tal-500)
- il-Bażilika ta' Sant'Apollinare Nuovo (għall-ħabta tal-500)
- il-Mawżolew ta' Teodoriku (520)
- il-Bażilika ta' San Vitale (548)
- il-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe (549)
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Attrazzjonijiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Fost l-attrazzjonijiet l-oħra nsibu:
- Il-Knisja ta' San Ġwann l-Evanġelista tal-ħabta tas-seklu 5 W.K., li nbniet minn Galla Placidia wara li ħelsitha ħafif minn maltempata fuq il-baħar. Ġiet irrestawrata wara l-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. It-torri tal-kampnar fih erba' qniepen, u ż-żewġ qniepen maġġuri jmorru lura għall-1208.
- Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu tas-seklu 6 W.K., li ġiet alterata b'mod drastiku mis-seklu 6 'l hawn. Oriġinarjament kienet il-katidral Arjan. Il-faċċata tal-knisja fiha portiku tas-seklu 16 b'ħames arkati.
- Il-Bażilika ta' San Franġisk, li reġgħet inbniet fis-sekli 10-11 fuq binja preċedenti ddedikata lill-appostli u iktar 'il quddiem lil San Pietru. Wara l-faċċata pjuttost umli tal-brikks, il-bażilika għandha navata u żewġ apsidi. Xi frammenti tal-mużajk mill-ewwel knisja huma viżibbli fuq l-art tal-bażilika, li spiss jitgħattew bl-ilma (flimkien mal-kripta) wara li tinżel xita qliel. Iċ-ċerimonja funebri ta' Dante Alighieri saret hawnhekk fl-1321. Il-poeta huwa midfun f'qabar anness mal-knisja, wara li l-awtoritajiet lokali rreżistew għal sekli sħaħ it-talbiet kollha minn Firenze biex jiġi rritornat il-katavru tal-iżjed eżiljat famuż tagħha.
- Il-Knisja Barokka ta' Santa Maria Maggiore (525–532; reġgħet inbniet fl-1671). Fiha pittura magħmula minn Luca Longhi.
- Il-Knisja ta' San Ġwann Battista (1683), bi stil Barokk ukoll, li fiha torri tal-kampnar ta' żmien il-Medjuevu.
- Il-Bażilika ta' Santa Maria in Porto (tas-seklu 16), b'faċċata rikka tas-seklu 18. Għandha navata u żewġ apsidi, b'koppla għolja. Fiha pittura famuża tal-Madonna Griega, li allegatament inġabet Ravenna minn Kostantinopli.
- Il-Gallerija Komunali, li fiha diversi xogħlijiet ta' pitturi tar-Romagna.
- Ir-Rocca Brancaleone ("il-Kastell ta' Brancaleone"), li nbena mill-Venezjani fl-1457. Fl-imgħoddi kien parti mis-swar tal-belt u issa huwa park pubbliku. Huwa maqsum f'żewġ partijiet: il-Kastell proprja u ċ-Ċittadella; din tal-aħħar tkopri 14,000 m2.
- L-hekk imsejjaħ "Palazz ta' Teodoriku", li fil-fatt huwa d-daħla għall-eks Knisja ta' San Salvatore. Jinkludi mużajk mill-palazz proprju tar-re tal-Ostrogoti.
- Il-Knisja ta' Sant'Eufemia (tas-seklu 18), tagħti aċċess għall-hekk imsejħa Domus tat-Twapet tal-Ġebel (tas-sekli 6–7): fiha mużajk mill-isbaħ minn palazz Biżantin.
- Il-Mużew Nazzjonali.
- Il-Mużew tal-Arċisqof.
Mużika
[immodifika | immodifika s-sors]Kull sena l-belt tospita l-Festival ta' Ravenna, wieħed mill-iżjed festivals prominenti tal-mużika klassika fl-Italja. Ikun hemm spettakli tal-opri fit-Teatru Alighieri, u kunċerti fil-Palazz Mauro de André kif ukoll fil-Bażilika Antika ta' San Vitale u fil-Bażilika ta' Sant'Apollinare f'Classe. Id-direttur mużikali taċ-Chicago Symphony Orchestra, Riccardo Muti, resident li ilu jgħixa long f'Ravenna, jipparteċipa regolarment fil-festival, fejn jiġu mistiedna orkestri u artisti oħra tal-ispettaklu minn madwar id-dinja.
Letteratura
[immodifika | immodifika s-sors]- Qabel l-1800
- Wara li tkeċċa minn Firenze, belt twelidu, Dante qatta' l-bqija ta' ħajtu f'Ravenna, u jsemmi l-belt fil-Canto V tal-Inferno tad-Divina Commedia.
- Fis-seklu 16 ukoll, Nostradamus jipprovdi erba' profeziji:
- rigward "għawġ kbir fil-kanal ta' Magnavacca f'Ravenna", ikkawżat minn ħmistax-il sabotatur Franċiż;[6]
- rigward battalja estiża sa Perugia fejn il-belt teħlisha ħafif;
- rigward il-ħtif ta' mara "ħdejn Ravenna" u l-ħtif ta' 70 ruħ fuq il-baħar mil-legat ta' Liżbona;
- rigward it-twelid tat-tielet u l-aħħar Antikrist tal-jasar tas-Slovenja; Ravenna hija waħda minn tlett ibliet b'isem simili.[7]
- The Witch, reċta ta' Thomas Middleton (1580–1627), ġiet ambjentata f'Ravenna.
- Wara l-1800
- Lord Byron għex f'Ravenna bejn l-1819 u l-1821, fejn sar iħobb żagħżugħa aristokratika miżżewġa lokali, Teresa Guiccioli. Hemmhekk kompla jikteb Don Juan u kiteb Ravenna Diary, My Dictionary u Recollections.
- Lionel, il-protagonista tan-novella postapokalittika ta' Mary Shelley, The Last Man, jispiċċa mal-kosta f'Ravenna wara li jitlef lil sħabu f'maltempata fil-Baħar Eġew.
- Oscar Wilde (1854–1900) kiteb poeżija jisimha Ravenna fl-1878.[8]
- Is-simbolista u poeta liriku Alexander Blok (1880–1921) kiteb poeżija li jisimha Ravenna (Mejju–Ġunju 1909) ispirata mill-vjaġġ tiegħu fl-Italja (rebbiegħa tal-1909).
- Matul il-vjaġġi tiegħu, il-poeta u l-filosfu Ġermaniż Hermann Hesse (1877–1962) għadda minn Ravenna u ispira ruħu biex jikteb żewġ poeżiji dwar il-belt li jisimhom Ravenna (1) u Ravenna (2).
- T. S. Eliot (1888–1965) kiteb poeżija bil-Franċiż "Lune de Miel" li tiddeskrivi koppja minn Indiana fil-qamar il-għasel tagħhom li kienu reqdin mhux wisq 'il bogħod mill-Bażilika antika ta' Sant'Apollinare f'Classe (ftit 'il barra minn Ravenna), famuża għall-kapitelli mnaqqxin tal-kolonni tagħha, b'weraq tal-ħannewija minfuħa bir-riħ, b'kuntrast ma' weraq wieqaf fuq kolonni simili f'inħawi oħra.
- J.R.R. Tolkien (1892–1973) jaf ibbaża l-belt tiegħu ta' Minas Tirith mill-inqas parzjalment fuq Ravenna.[9]
Films
[immodifika | immodifika s-sors]Michelangelo Antonioni ġibed il-film tal-1964 tiegħu, Deserto Rosso (Deżert Aħmar) fiż-żoni industrijalizzati tal-wied ta' Pialassa.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Ravenna għandha port kummerċjali u turistiku importanti.
L-istazzjon ferrovjarju ta' Ravenna għandha servizz dirett ta' Trenitalia lejn Bologna, Ferrara, Lecce, Milan, Parma, Rimini, u Verona.
L-Ajruport ta' Ravenna jinsab proprju f'Ravenna. L-eqreb ajurporti kummerċjali huma dawk ta' Forlì, Rimini u Bologna.
Fost l-awtostradi li jgħaddu minn Ravenna hemm: l-A14-bis miċ-ċentru ta' Bologna; fuq l-assi Tramuntana–Nofsinhar tar-rotot tal-Unjoni Ewropea, ir-rotot E45 minn Ruma u l-E55 jew l-SS-309 "Romea" minn Venezja; u fuq l-assi reġjonali Ferrara-Rimini, l-SS-16 (parzjalment imsejħa l-"Adrijatika").
Parks tad-Divertiment
[immodifika | immodifika s-sors]- Mirabilandia
- Safari Ravenna
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Ravenna hija ġemellata ma':[10]
- Chichester, l-Ingilterra, ir-Renju Unit, mill-1996
- Speyer, il-Ġermanja, mill-1989
- Chartres, Franza, mill-1957
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klabb tal-futbol tradizzjonali tal-belt huwa r-Ravenna F.C. Attwalment jilgħab fit-tielet diviżjoni tal-futbol Taljan, is-Serie C.
L-A.P.D. Ribelle 1927 huwa l-klabb tal-futbol ta' Castiglione di Ravenna, raħal li jinsab fin-Nofsinhar ta' Ravenna, u ġie stabbilit fl-1927. Attwalment jilgħab fir-raba' diviżjoni tal-futbol Taljan, is-Serie D, wara l-promozzjoni mir-Rawnd B tad-diviżjoni tal-Eccellenza Emilia-Romagna fl-istaġun 2013–2014. Il-president tal-klabb huwa Marcello Missiroli u l-kowċ huwa Enrico Zaccaroni. Il-grawnd tal-klabb jissejjaħ Stadio Massimo Sbrighi u jesa' 1,000 ruħ. Il-kuluri tat-tim huma l-abjad u l-blu.
F'Settembru 2011, fuq il-bajjiet ta' Ravenna, ġiet ospitata t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-Futbol fuq il-Bajja.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Valentinjanu III (419-455), imperatur Ruman
- Matteo Plazzi, baħri Taljan
- Laura Pausini (twieldet fl-1974), kantanta u kantawtriċi pop Taljana, produttur tad-diski u personalità televiżiva
- Raul Gardini (1933-1993), negozjant Taljan
- Franco Manzecchi (1931-1979), mużiċista Jazz li jdoqq it-tnabar
- Andrea Montanari (twieled fl-1965), sprinter Taljan
- Arcangelo Corelli (1653-1713), vjolinist u kompożitur Barokk
- Luigi Legnani (1790-1877), kitarrista u mużiċista li jdoqq il-ljut
- Tullio Bassi (twieled fl-1937), produttur tal-vjolini Taljan
- Peter Damian (għall-ħabta tal-988-1072 jew 1073), qaddis u kardinal Kattoliku
- Francesco Ingoli (1578-1649), xjenzat, avukat u analizzatur ta' Galileo
- Francesca da Rimini (1255-għall-ħabta tal-1285), persuna storika
- Guido I da Polenta (miet fl-1310), lord ta' Ravenna
- Francesco Baracca (1888-1918), il-bdot ewlieni tal-fighters tal-Italja fl-Ewwel Gwerra Dinjija
- Federico Caricasulo (twieled fl-1996), motoċiklista professjonali
- Marco Melandri (twieled fl-1982), motoċiklista professjonali
- Davide Tardozzi (twieled fl-1959), motoċiklista professjonali u maniġer ta' tim tas-Superbike
- Ivano Marescotti (twieled fl-1946), attur
- Amadeus (twieled fl-1962), preżentatur televiżiv
- Romolo Gessi (1831-1881), esploratur
- Romuald (għall-ħabta tad-951-għall-ħabta tal-1025/1027), superjur tal-qassisin u fundatur tal-Ordni Camaldolese
- Marco Dente (1493-1527), inċiżur
- Paolo Roversi (twieled fl-1947), fotografu tal-moda
- Angelo Mariani (1821-1873), konduttur
- Giuseppe Vitali (1875-1932), matematiku
- Evangelista Torricelli (1606-1647), fiżiku u matematiku
- Federico Marchetti (twieled fl-1969), negozjant u fundatur ta' YOOX
- Gianluca Costantini (twieled fl-1971), artist
- Luigi Legnani, mużiċista u kompożitur
- Luigi Rossini (1790-1857), artist
- Alex Majoli (twieled fl-1971), fotografu
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Cameron, Averil. "Ravenna: Capital of Empire, Crucible of Europe." History Today. pp 94–97.
- Janet Nelson, Judith Herrin, Ravenna: its role in earlier medieval change and exchange, London, Institute of Historical Research, 2016, ISBN 9781909646148.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Early Christian Monuments of Ravenna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-08.
- ^ a b ċ d e f Deborah M. Deliyannis, Ravenna in Late Antiquity (Cambridge University Press, 2010)
- ^ Mascanzoni, Leardo (1990). Ravenna: Una storia millenaria (in Italian). Giunti Barbera Editore. pp. 3–50.
- ^ Noble, Thomas F. X. (1984). The Republic of St. Peter: The Birth of the Papal State, 680–825. Philadelphia, Pennsylvania: University of Pennsylvania Press. ISBN 0-8122-1239-8.
- ^ Canada, Veterans Affairs (2021-06-23). "Canada - Italy 1943-1945 - The Second World War - History - Remembrance - Veterans Affairs Canada". www.veterans.gc.ca. Miġbur 2022-02-10.
- ^ Jones, Tom (2012). Nostradamus. Pittsburgh, PA: Dorrance Publishing. ISBN 9781434918239.
- ^ Reading, Mario (2009). The Complete Prophesies of Nostradamus. London: Watkins Publishing. ISBN 9781906787394.
- ^ "Ravenna / Wilde, Oscar". www.infomotions.com. Miġbur 2022-02-10.
- ^ "Tolkien's annotated map of Middle-earth discovered inside copy of Lord of the Rings". the Guardian (bl-Ingliż). 2015-10-23. Miġbur 2022-02-10.
- ^ "Gemellaggi" (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-10.