Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali: il-kuntest strateġiku

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021–2027) jistabbilixxi viżjoni strateġika u 14-il azzjoni għall-promozzjoni tal-apprendiment diġitali ta’ kwalità u inklużiv b’rispons għall-COVID-19 u biex is-sistemi edukattivi tal-Ewropa jibqgħu validi fil-futur.

X’inhi l-edukazzjoni diġitali?

L-edukazzjoni diġitali tirreferi għall-użu ta’ għodod, teknoloġiji, u kontenut diġitali biex jingħata sostenn lit-tagħlim, lill-apprendiment, u lill-valutazzjoni. Taħtha jaqa’ minn kollox, minn korsijiet online u pjattaformi ta’ apprendiment interattiv sa klassijiet virtwali u apps edukattivi.

L-edukazzjoni diġitali tgħin lill-istudenti ta’ kull età jiżviluppaw il-ħiliet diġitali li jeħtieġu biex jirnexxu fid-dinja tal-lum fejn kollox jorbot ħaġa ma’ oħra permezz tat-teknoloġija. Barra minn hekk, tagħmilha possibbli biex l-għalliema u l-ħarrieġa jagħmlu użu minn metodi innovattivi biex jippersonalizzaw l-apprendiment u jilħqu numru akbar ta’ studenti.

L-edukazzjoni diġitali għandha rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ sistema edukattiva moderna u reżiljenti madwar l-Unjoni Ewropea (UE) billi lill-edukazzjoni tagħmilha aktar flessibbli, inklużiva, u aċċessibbli.

X’inhu l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali?

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021–2027) huwa inizjattiva strateġika li tistabbilixxi viżjoni komuni ta’ edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużiva, u aċċessibbli fl-Ewropa. Għandu l-għan li jgħin lis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ jadattaw għall-era diġitali.

Il-pjan ġie adottat fl-2020, wara l-pandemija tal-COVID-19. Jitlob aktar koperazzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali. Ifittex ukoll li jtejjeb l-appoġġ għall-għalliema, għall-istudenti, għal dawk li jfasslu l-politika, għall-akkademja, u għar-riċerkaturi fil-livell nazzjonali, f’dak tal-UE, u f’dak internazzjonali.

Għaliex hemm bżonn ta’ azzjoni?

Il-pandemija tal-COVID-19 għaġġlet il-qalba għat-tagħlim online u ibridu, li għadu qed jevolvi, u b’hekk wasslitna biex niskopru modi innovattivi għal apprendiment aktar personali u flessibbli għall-istudenti u għall-edukaturi.

Fl-istess ħin, żiedet l-isfidi u l-inugwaljanzi:

  • Bosta studenti, speċjalment dawk li ġejjin minn ċirkustanzi żvantaġġati, m’għandhomx aċċess għat-teknoloġiji diġitali.
  • L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma limitati fir-rigward tal-infrastruttura u l-kapaċità diġitali.
  • L-għalliema jeħtieġu aktar taħriġ fl-użu effettiv tal-għodod diġitali.
  • Il-livelli ġenerali tal-ħiliet diġitali għadhom baxxi madwar l-UE.

Xi ċifri ewlenin:

  • Inqas minn 40% tal-edukaturi madwar l-UE ħassewhom lesti biex jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim (OECD, 2018)
  • ’Il fuq minn 40% ta’ dawk bejn it-13 u l-14 sena fl-UE m’għandhomx il-ħiliet diġitali bażiċi, u dan ma jissodisfax il-mira tal-UE li sal-2030 din iċ-ċifra tkun naqset għal inqas minn 15% (ICILS, 2023). 20% tal-familji b’introjtu baxx m’għandhomx aċċess għall-kompjuters u għall-broadband (Eurostat, 2020)
  • 95% ta’ dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika li saret bi tħejjija għal dan il-pjan ta’ azzjoni qalu li l-pandemija tal-COVID-19 kienet mument li ta żvolta lill-użu tat-teknoloġija edukattiva (konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, 2020)

Il-kuntest strateġiku 

Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa komponent kruċjali għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-preżentazzjoni tal-proposta saret wara konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret fl-2020 u li ġabret il-fehmiet u l-esperjenzi taċ-ċittadini, tal-istituzzjonijiet, u tal-organizzazzjonijiet.

L-inizjattiva tikkontribwixxi għal diversi prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi:

Pjan Direzzjonali għall-perjodu sal-2030 dwar il-futur tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali se jkun riżultat ewlieni tal-Unjoni tal-Ħiliet, u se jkun imsejjes fuq reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Dan il-pjan direzzjonali se jikkomplementa inizjattivi strateġiċi oħrajn bħall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħiliet Bażiċi u l-Pjan Strateġiku għall-Edukazzjoni STEM, u se jkollu l-għan li jistabbilixxi ekosistema robusta u inklużiva tal-edukazzjoni diġitali tal-UE.

Nibnu fuq ix-xogħol li diġà sar

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021–2027) huwa msejjes fuq l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2018–2020).

Last updated: